Is-Sur Conrad D’Amato
Introduzzjoni
L-element bandistiku fir-raħal marittimu ta’ Birżebbuġa ra l-bidu tiegħu f’nofs is-snin ħamsin tas-seklu għoxrin. Birżebbuġa saret parroċċa b’digriet ta’ l-Isqof Pietru Pace nhar id-9 ta’ Settembru tal-1913, l-ewwel taħt it-titlu ta’ Maria Addolorata, imbagħad mal-bini tal-knisja l-ġdida, fl-1937 il-parroċċa ġiet ddedikata lil San Pietru fil-Ktajjen (San Pietro in vincoli), titlu uniku fil-gżejjer Maltin. Is-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor ġabu bidla kbira fir-raħal ta’ Birżebbuġa. Il-poplazzjoni bdiet tikbet u r-raħal ma baqax dak ir-raħal marbut mal-villeġattura biss, imma sar raħal ippopolat is-sena kollha. F’dan iż-żmien fir-raħal tfaċċat ġenerazzjoni ġdida li kienet tħobb il-kultura u l-isport, u b’riżultat ta’ dan rajna diversi għaqdiet sportivi , soċjali u kulturali jitwieldu jissaħħu u jitwasslu sa żminijietna. Hekk naraw it-twaqqif tas-“St. Peter’s Football Club” fl-1946, u ħdax -il sena wara t-twaqqif tas-“St. Peter’s Philarmonic Band Club” fl-1957, żewġ għaqdiet li isimhom jibqa’ għal dejjem jgħaqqadhom flimkien, allavolja m’għadhomx taħt l-istess saqaf. Dan kollu għen sabiex Birżebbuġa ma tibqax marbuta mal-ħajja antika ta’ għaks, miżerja u faqar li kienu jirrenjaw f’dan ir-raħal żmien qabel.
It-twaqqif tal-Banda
L-ewwel movimenti sabiex tiġi mwaqqfa banda f’Birżebbuġa joħduna lejn is-sena 1954 meta diversi żgħażagħ imħeġġin minn Mro. Oscar Borg, li kien l-organista fil-knisja parrokkjali, ħargu bl-idea li jwaqqfu banda ġo Birżebbuġa bil-għan li tagħti s-sehem tagħha fil-festa titulari ta’ San Pietru. Fost l-ewwel żgħażagħ konna nsibu lil Toni Tabone (minn tal-Paddy), Lawrence Gauci (minn ta’ Beċċuna), Karmenu Grima (minn ta’ Ġiġi), Lorry Grixti (minn tal-Balal), Jimmy Gauci, Edgar Attard u Ġanni Falzon (minn tal-ħut). L-idea ta’ dawn iż-żgħażagħ ġibdet l-attenzjoni tal-Kanonku Dun Rikardu Attard li ngħaqad magħhom u iktar ’il quddiem serva bħala l-ewwel Direttur Spiritwali u kien anki benefattur kbir. Però kellhom jgħaddu ftit tas-snin sakemm l-idea ta’ dawn iż-żgħażagħ sabet l-appoġġ ta’ diversi żgħażagħ oħra li kienu jkunu fil-każin tas-“St. Peter’s Sports Club”. Iktar ma beda jgħaddi ż-żmien l-entużjażmu kien qiegħed dejjem jikber, u għalhekk fl-1957 kien ġie deċiż li l-banda titwaqqaf u tiġi amalgamata mas-“St Peter’s Sports Club” li kien ilu mwaqqaf għal diversi snin, u li f’dak iż-żmien kien immexxi mill-president Eddie Paris. Kien ġie mwaqqaf sotto-kumitat li ħa ħsieb it-twaqqif u l-organizzar tal-Banda l-ġdida. L-ewwel membri semmew din il-Banda għall-patrun tar-raħal, u għalhekk għażlu l-isem “St. Peter’s Philarmonic Band.” Bit-twaqqif tal-Banda l-isem ta’ l-għaqda nbidel u sar “St. Peter’s Sports and Philarmonic Club”. Minnufih bdew jingħataw l-ewwel lezzjonijiet tal-mużika li kienu jsiru fil-kamra tal-pjanċi li hemm fuq il-bejt tal-każin. Nistgħu ngħidu li f’din il-kamra fqira u nieqsa minn kollox twieldet din l-ewwel skola mużikali f’Birżebbuġa. Kien intagħżel il-Professur Carmelo Zammit bħala l-ewwel surmast tas-soċjetà u li darba f’ġimgħa kien jinżel bil-karozza tal-linja sabiex jagħti l-lezzjonijiet tal-mużika lill-ewwel studenti. Miegħu kien ingħaqad Mro. Emmanuele Galea li kien mużiċista prim mir-raħal fejn serva bħala l-ewwel assistent surmast, iktar ’il quddiem surmast direttur. L-ewwel kumitat kien iffurmat minn Eddie Paris, PHOTO 5 Anthony Naizer u Emmanuel Debbattita fil-kariga ta’ president, segretarju u kaxxier rispettivamnet. Magħhom konna nsibu wkoll lil Lorry Grixi, Manuel Bezzina, Ġużeppi Petroni, Jimmy Gauci, Toni Tabone u l-Kanonku Dun Rikardu Attard. Il-Banda San Pietru għamlet l-ewwel dehra pubblika tagħha nhar il-Ħadd 25 ta’ Awwissu tal-1957, meta dakinhar għamlet marċ tul diversi toroq tal-parroċċa u wara ttella’ programm PHOTO 6 mużikali quddiem il-każin fil-Bajja s-Sabiħa taħt id-direzzjoni tal-ewwel surmast tagħha Profs. Carmelo Zammit. Dakinhar il-Banda San Pietru ġiet imbierka mil-Kappillan ta’ dak iż-żmien Dun Ġużepp Minuti. Il-Banda San Pietru pparteċipat għall-ewwel darba fil-festa titulari nhar is-Sibt 2 ta’ Awwissu tal-1958. F’dik is-sena l-Banda tat l-ewwel frott tagħha lir-raħal, li kienu tmien bandisti ġodda żgħażagħ ilkoll minn Birżebbuġa.
Il-Miġja tal-Vara Titulari u s-Snin Sittin
Fl-1959 Birżebbuġa kollha kienet ħerqana tistenna l-miġja tal-vara titulari l-ġdida, xogħol l-iskultur Ferdinand Stuflesse. Il-wasla ta’ din il-vara qanqlet entużjażmu kbir u għalhekk kif kien xieraq il-kumitat tal-Banda San Pietru flimkien mal-kumitat tal-festa fi ħdan il-knisja ħadmu id f’id sabiex il-miġja tal-vara titulari tkun waħda memorabbli. Għalhekk nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju, il-Banda San Pietru laqgħet il-vara titulari bid-daqq ta’ l-Innu Pontifiċju hekk kif din ħarġet mil-kappella tas-Sagra Familja fi Triq iż-Żurrieq. Wara akkumpanjat l-istess vara sad-dħul tagħha għall-ewwel darba fil-knisja parrokkjali. Imbagħad nhar il-festa titulari, li ġiet iċċelebrata nhar il-Ħadd 2 ta’ Awwissu, l-Banda laqgħet il-vara titulari waqt l-ewwel ħruġ tagħha mil-knisja. Hekk kif il-ħin immaraka s-seba’ ta’ filgħaxija bdiet ħierġa l-purċissjoni, u l-poplu li dakinhar ħonoq kull rokna taz-zuntier infexx f’ċapċip kbir hekk kif ra dan il-ġojjel fil-bieb tal-knisja għall-ewwel darba. Il-Banda San Pietru hemm kienet, u hekk kif il-poplu miġbur ikkwieta ftit mill-entużjażmu kbir li kellu, l-istess Banda taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur Profs. Carmelo Zammit, esegwiet l-Innu “Omaggio a San Pietro” (tifħir lil San Pietru) minn fuq il-planċier li kien armat fuq iz-zuntier tal-knisja. Dan l-innu ferm sabiħ kien ġie miktub mis-surmast Zammit stess propju f’dik is-sena tal-wasla tal-vara titulari preżenti. Tajjeb ngħidu li l-Banda San Pietru kienet l-ewwel banda li daqqet quddiem il-vara titulari ta’ San Pietru, u tajjeb ukoll li nirrimarkaw li dik l-okkażjoni kienet l-unika okkażjoni fejn banda minn Birżebbuġa laqgħet il-vara titulari waqt il-ħruġ tagħha mil-knisja f’jum il-festa titulari.
Fl-1960 il-membri ħadu ħsieb sabiex jagħmlu standard tas-soċjetà irrakmat bil-ħajt tad-deheb, li nħadem mir-rakmista Elena Pizzuto mil-Ħamrun. Għall-inawgurazjoni ta’ dan l-istandard saru festi kbar fejn fost l-oħrajn kien ġie mistieden l-Isqof Emmanuele Galea sabiex ibierku. PHOTO 11 Dan l-istandard ġie inawgurat nhar is-Sibt 6 ta’ Awwissu tal-1960 fejn kien ġie mbierek fuq iz-zuntier tal-knisja fil-preżenza tal-kanonku Dun Rikardu Attard li kien wieħed mil-benefatturi tiegħu. F’din is-sena wkoll l-assistent surmast Mro. Emmanuele Galea kiteb l-ewwel innu tas-Soċjetà. Dan l-innu bl-isem “Innu Popolari San Pietru” iktar tard kien inagħta lil Mro. Carmelo Pace sabiex dan tal-aħħar fl- 1962 għamel arranġament tiegħu u ħareġ l-innu popolari lil San Pietru li għadu jindaqq sal-lum.
Fl-1962 il-Banda San Pietru ħadet sehem fi tliet servizzi separati fejn fihom akkumpanjat tliet saċerdoti ġodda minn Birżebbuġa. Dawn kienu r-Rev. Vincenz Deguara (illum Monsinjur), Rev. Alfred Micallef (illum Monsinjur) u Rev. Ġużeppi Berry li għadu sal-lum jokkupa l-kariga ta’ Direttur Spiritwali tas-Soċjetà.
Sas-sena 1964 kien hemm kumitat wieħed li kien imexxi kemm il-Banda kif ukoll il-tim tal-futbol. Ġara li waqt laqgħa ġenerali li nżammet nhar it-22 ta’ Frar tal-1964 kien inqala’ xi diżigwid bejn il-membri, u għalhekk kien ġie deċiż li ssir laqgħa ġenerali għal dawk kollha li kienu nteressati fil-Banda sabiex jinħatar kumitat ġdid li jkun indipendenti mil-klabb tal-futbol. B’hekk ftit wara l-isem ma baqgħax “St. Peter’s Sports and Philarmonic Club” imma sar “Birżebbuġa St. Peter’s F.C.” kif għadu msemmi sal-lum. Nhar is-7 ta’ Marzu tal-1964 inżammet laqgħa ġenerali straordinarja, fejn fiha ġie maħtur kumitat ġdid tal-“Banda San Pietru” li f’dik is-sena kien immexxi minn Emmanuele Galea bħala president.
Fl-1966 twaqqaf il-“Kunsill Ċiviku ta’ Birżebbuġa” li tiegħu l-Banda San Pietru kienet waħda mill-fundaturi. Lejn l-aħħar tas-snin sittin, propju fl-eqqel ta’ l-emigrazzjoni, il-Banda San Pietru esperjenzat diversi diffikultajiet, l-aktar fil-qasam finanzjarju. F’dak iż-żmien is-Soċjetà kienet taħt il-presidenza wisq rispettata tal-Kaptan Joseph Caruana u d-direzzjoni mużikali kienet taħt it-tmexxija Mro. Emmanuele Galea. Naraw li fl-1968 l-attività mużikali kienet wieqfa kompletament, però minkejja kollox is-Soċjetà xorta baqgħet tiffunzjona bil-mod sempliċi tagħha. Hekk pereżempju naraw li l-miżata ta’ kull sena bħala sħubija fi ħdan il-“Kunsill Ċiviku ta’ Birżebbuġa” baqgħet tiġi mħallsa ta’ kull sena kif ukoll l-istandard tas-Soċjetà xorta baqa’ preżenti waqt il-marċi li kienu jsiru fil-jiem tal-festa.
Twelid mill-Ġdid
Fl-1970 reġa’ kien hemm movimenti sabiex l-attività mużikali fir-raħal terġa’ tingħata l-ħajja li kellha sa ftit snin qabel. Wara diversi laqgħat minn kumitat proviżorju li kien ġie ffurmat lejn l-aħħar tal-1970, nhar il-Ħadd 21 ta’ Marzu nżammet laqgħa ġenerali bil-għan li jinħatar kumitat ġdid sabiex jerġa’ jorganizza mil-ġdid il-Banda. Dan il-kumitat kien immexxi mis-surġent Carmelo Polidano, Martin Zammit u Emmaneule Galea fil-karigi ta’ president, segretarju u kaxxier rispettivament. It-tmexxija mużikali tal-Banda ġiet fdata fl-idejn ħabrieka taż-żagħżugħ Mro. Carmelo Galea li nistgħu inqisuh bħala wieħed mill-ulied tas-Soċjetà. Infatti huwa kien ħareġ idoqq mal-Banda San Pietru għall-ewwel darba fl-1962. B’hekk is-Soċjetà bdiet taħsad mill-frott tagħha stess.
Sa l-1972 il-Banda San Pietru kienet għadha topera mil-każin tal-futbol, però wara ħafna taħbit il-kumitat akkwista każin ġdid fi Triq San Edwardu li kien ġie inawgurat nhar is-Sibt 8 ta’ Lulju tal-1972 mil-President tal-“Malta Band Clubs Association” Michael A. Delia. Fl-1974 il-vara titulari ġiet rrestawrata u ndurata bid-deheb, u għalhekk il-parroċċa kollha kienet qed tipprepara sabiex ir-ritorn tagħha f’Birżebbuġa jkun wieħed speċjali li jibqa’ msemmi tul is-snin. Għalhekk nhar is-Sibt 27 ta’ Lulju tal-1974 il-vara titulari bdiet vjaġġ fuq il-baħar mill-Bajja ta’ Marsaxlokk sal-Bajja s-Sabiħa fuq lanċa tas-sajd. Hekk kif il-vara tniżżlet minn fuq il-lanċa, il-Banda San Pietru laqgħetha bid-daqq tal-innu popolari u wara akkumpanjata lejn il-knisja parrokkjali b’daqq ta marċi brijjużi Kien minn din il-ġrajja li fl-1979 nibtet l-idea li tibda tiġi organizzata dimostrazzjoni fuq il-baħar bl-istatwa ta’ San Pietru fl-aħħar jum tat-tridu, fejn iktar tard bdiet anke tipparteċipa l-Banda San Pietru.
Fl-1976 is-Soċjetà akkwistat dar kbira f’nofs il-misraħ prinċipali tar-raħal. Il-moħħ wara l-akkwist ta’ dan il-post, magħruf bħala “The Red Lion Bar”, kien Martin Zammit li f’dak iż-żmien kien jokkupa l-kariga ta’ segretarju. Dan il-każin ġie inawgurat nhar is-Sibt 24 ta’ Lulju tal-1974, fejn dakinhar il-Banda San Pietru tellgħet programm mużikali taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur Mro. Carmelo Galea.Photo 16 Dan il-każin kien ġie inawgurat mil-President ta’ dak iż-żmien is-sur Emmanele Galea.Photo 14 Nhar il-Ħadd 29 ta’ Ottubru tal-1978 il-Banda San Pietru akkumpanjat lil Dun Karm Frendo fl-okkażżjoni tal-pussess tiegħu bħala kappillan tal-parroċċa. Fil-fetsa tal-1979 fuq it-tħabrik tal-istess kappillan kien sar għall-ewwel darba il-marċ ta’ filgħodu nhar il-festa titulari. Barra minnhekk il-kumitat ħa ħsieb sabiex jippublika għall-ewwel darba programm anwali bl-isem ta’ “Leħen il-Banda”, li għadu jiġi ppublikat ta’ kull sena fl-okkazzjoni tal-festa titulari.
Nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Ġunju tal-1980 tħabbret il-mewt għalarrieda tal-Kappillan żagħżugħ Dun Karm Frendo fl-età ta’ 37 sena. Il-Banda San Pietru tagħtu l-aħħar tislima fil-funeral tiegħu li sar l-għada s-Sibt 14 ta’ Ġunju li kien immexxi mil-vigarju generali Mons. Carmelo Xuereb. It-tmexxija spiritwali tal-parroċċa ġiet fdata f’idejn il-Kappillan żagħżugħ Dun Pawl Buttiġieġ u kif kien xieraq il-Banda San Pietru akkumpanjatu b’daqq ta’ marċi brijjużi waqt il-pussess tiegħu li sar nhar il-Ħadd 12 ta’ Ottubru tal-1980. Lejn l-aħħar tas-sena 1980 Mro. Carmelo Galea irreżenja minn surmast direttur minħabba li kien se jemigra lejn l-Awstralja fejn għadu jgħix sal-lum. It-tmexxija tas-Soċjetà għaddiet f’idejn Mro. Frank Galea li għal din l-okkażżjoni ppreżenta lis-Soċjetà b’Kantata miktuba minnu stess. Fl-1982 fl-okkażjoni tal-25 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà l-kumitat kien għaddej b’xogħol ta’ rikostruzzjoni tal-każin. Peress li ma setgħux isiru festi tal-okkazzjoni, is-surmast Frank Galea kien ikkompona innu ġdid għall-Banda bl-isem “Innu Banda San Pietru” li għadu jindaqq sal-lum bħala l-innu uffiċjali tal-Banda tas-Soċjetà. Nhar it-Tlieta 28 ta’ Lulju tal-1987 il-Banda San Pietru tellgħet akkademja mużikali fil-knisja parrokkjali taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Frank Galea fl-okkażjoni tat-30 anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetà. Dakinhar indaqqet għall-ewwel darba l-Kantata bl-isem “San Pietru: Kantata” innu tabilħaqq kolossali. Wara kienet ġiet inawgurata irħama komemorattiva mil-Kavallier Alfredo Sultana fejn anki kien ġie inawgurat is-sular ġdid li kien għadu kemm inbena.
Il-Ġenerazjonijiet il-Ġodda tas-Snin Disgħin
Is-snin disgħin ġabu bidla kbira fis-Soċjetà l-aktar minħabba l-inklużjoni tat-tieni soċjetà mużikali fir-raħal; il-“Banda Birżebbuġa”. Il-kompetitzzjoni li bil-mod il-mod ġiet introdotta għenet sabiex iż-żewġ soċjetajiet mużikali fir-raħal kibru u żviluppaw bil-mod tagħhom. Nhar is-Sibt 23 ta’ Novembru 1991 il-Banda San Pietru ġiet mistiedna mill-“Għaqda Każini tal-Baned” sabiex iddoq ġewwa t-teatru Manuel fl-okkazjoni tal-festa ta’ Santa Ċeċilja patruna tal-mużika u tal-mużiċisti. Dakinhar il-Banda San Pietru, li kienet diretta minn Mro. Frank Galea bil-parteċipazjoni tal-mezzo-sopran Lucienne Cassar membru tas-Soċjetà, ippreżentat kunċert ta’ livell għoli b’eżekuzzjonijiet kemm vokali kif ukoll strumentali. Dan il-programm kien taħt il-patroċinju distint tal-President tar-Repubblika l-Eċċellenza Tiegħu t-tabib Ċensu Tabone.
Nhar il-Ħamis 4 ta’ Awwissu tal-1994, l-ex surmast Mro. Carmelo Galea, li kien Malta waqt btala, inawgura s-sala l-ġdida li ġiet mibnija u msemmija għall-missieru Mro. Emmanuele Galea li kien it-tieni surmast tas-Soċjetà.
Ma din is-sala kien ġie inawgurat maħżen għall-armar li jinsab fis-sular t’isfel. Fl-1995 Mro. Frank Galea temm il-kariga tiegħu bħala surmast direttur u minfloku nħatar il-Kavallier Vincent Bonnici.PHOTO 21 Nhar is-Sibt 3 ta’ Awwissu il-kappillan Dun Ġużepp Farrugia bierek u inawgura planċier ġdid li gie maħdum mil-membri tas-Soċjetà’. Fl-1997 il-Banda San Pietru kienet qed tfakkar l-erbgħin sena mit-twaqqif tagħha. Lejn l-aħħar ta’ dik is-sena beda x-xogħol fuq ir-rikostruzjoni tal-każin. Fost ix-xogħol li sar naraw il-bini mill-ġdid tal-faċċata tal-każin li l-ewwel ġebla tagħha tpoġġiet nhar is-Sibt 19 ta’ Settembru tal-1998. Ix-xogħol fuq il-faċċata tmexxa b’mod volontarju mill-imgħallem Carmelo Schembri. Ix-xogħol ta’ l-iskultura tant sabiħa li naraw iżżejjen din il-faċċata nħadem kollu b’mod volontarju mill-iskultur minn Birżebbuġa Michael Farrugia. F’dan il-proġett kbir taw sehemhom diversi membri oħra, minn b’għajnuna finanzjarja u min bl-għajnuna tad-dirgħajn. Nhar is-Sibt 24 ta’ Lulju tal-1999 il-Banda San Pietru akkumpanjat lil Dun Patrick Incorvaja fl-okkazjoni tal-Prima Messa tiegħu.
Mis-Sebħ tas-Seklu Għoxrin sal-lum
Nhar il-Ħadd 9 ta’ April tas-sena 2000 il-Banda San Pietru flimkien mal-Banda Birżebbuġa ħadu sehem waqt il-pussess tal-Kappillan Dun Nikola Pace. Fis-sena 2003 Birżebbuġa kellha x-xorti li tara tnejn minn uliedha jieħdu s-sagrament ta’ l-Ordni Sagri. Għalhekk kif kien xieraq iż-żewġ baned ta’ Birżebbuġa ngħaqdu u akkumpanjaw lil Rev. John Berry u Rev. Stephen Mifsud MSSP għall-Prima Messa tagħhom fil-knisja parrokkjali. Fl-2004 inħatar President tal-Għaqda Joe M. Zahra wara li ħalla l-ħatra Tarcisio Caruana. Nhar it-Tlieta 26 ta’ Lulju tal-2005 il-Ministru tat-Turiżmu u Kultura l-Onor. Francis Zammit Dimech inawgura ix-xogħol il-ġdid li kien sar fil-kamra tat-taraġ fejn fost l-oħrajn kienet inbniet lanterna (il-parti ta’ fuq ta’ koppla).
Ix-xogħol fuq din il-lanterna hu wieħed partikulari għall-fatt li din hi magħmula kollha kemm hi mill-ġebel u ma’ ntuża l-ebda tip ta’ konkos sabiex tiġi msaqqfa.PHOTO 24 Ix-xogħol tmexxa ghal darb’oħra mill-imgħallem Carmelo Schembri filwaqt li l-iskultura saret mill-iskultur Michael Schembri. Tabilħaqq biċċa xogħol verament sabiħa li wriet il-kapaċita ta’ kull min kellu sehem fiha. Fil-kamra tat-taraġ saret ukoll pittura tal-istained glass filwaqt li t-taraġ inkesa mil-granit u tqiegħed poġġaman tal-ħadid dekorattiv.
Ħamsin Sena Anniversarju
Tul is-sena 2007 is-Soċjetà kienet qed tfakkar għeluq il-ġublew tad-deheb minn meta twaqqfet. Għal dan il-għan ġie mwaqqaf sotto-kumitat li ħa ħsieb sabiex dawn iċ-ċelebrazzjonijiet isiru b’mod dinjituż li jibqgħu mfakkara tul is-snin. Nhar is-Sibt 24 ta’ Frar il-Banda San Pietru għat-tieni darba fl-istorja tagħha tellgħet akkademja vokali u strumentali ġewwa l-knisja parrokkjali taħt id-direzzjoni tas-surmast Mro. Chev. Vincent Bonnici. Din l-akkademja saret taħt il-patronċinju distint tal-President ta’ Malta Dr. Edward Fenech Adami. Tul din l-akkademja ndaqqu diversi bċejjeċ mużikali fosthom l-Innu “Omaggio a San Pietro” tal-Profs. Carmelo Zammit (l-ewwel surmast tas-Soċjeta’) u l-“Kantata San Pietru” ta’ Mro. Frank Galea. Wara sar riċeviment fil-każin fejn il-President ta’ Malta fil-preżenza tal-President tas-Soċjetà Joe Zahra qassam tifkiriet lil diversi persuni marbuta mal-istorja tal-Għaqda. Fis-27 ta’ Lulju, 2007 ġie mistieden l-Arċisqof Pawlu Cremona biex jikxef irħama komemorattiva fl-intrata tal-każin sabiex tfakkar dan l-anniverasarju. L-Arċisqof, li kien qed iżur il-parroċċa, ġie milqugħ faċċata tal-każin mill-President Joe M. Zahra wara li l-banda daqqet l-Innu Pontifiċju.
Wara li l-President tal-Għaqda introduċa lill-membri tal-kumitat lill-Arċisqof, saru diskorsi mill-President u mill-Arċisqof li wkoll qara parċmina li kienet tagħti l-barka li l-QT Papa Benedettu XVI lill-President u l-membri tal-Għaqda. Wara l-Arċisqof iltaqa’ mal-membri tal-kumitat u s-soċji waqt riċeviment li sar. Fil-festa ta’ din is-sena kien ġie ppublikat ktieb bl-istorja tas-Soċjeta’ bl-isem “Nofs seklu ta’ Mixja mużikali” miktub minn Conrad D’Amato. Dan il-ktieb sar wara riċerka vasta u jirrakkonta l-istorja tas-Soċjeta’ fl-isfond ta’ l-istorja tal-parroċċa u tal-festa titulari. Nhar is-Sibt 25 ta’ Awwissu 2007 eżatt ħamisn sena wara l-ewwel dehra pubblika tal-Banda San Pietru sar marċ fil-Belt Valletta tul Triq ir-Repubblika u fil-bitha tal-Palazz fejn kopja tal-ktieb “Nofs Seklu ta’ Mixja Muzikali” ġiet ppreżentata lill-President ta’ Malta Eddie Fenech Adami fil-palazz.
Nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Awwissu ġiet inawgurata statwa ġdida ta’ San Pietru li tintuża għall-marċ tal-Ġimgħa, xogħol l-istatwarju Għawdxi il-Kavalier Micheal Camilleri Cauchi. Din l-istatwa ħadet post oħra eqdem. Dawn il-festi ġew fi tmiemhom b’kunċert nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Novembru 2007 ġewwa d-“Dolmen Resort Hotel” il-Qawra fejn dakinhar il-Banda San Pietru taħt id-direzzjoni ta’ Chev. Mro. Vincent Bonnici tellgħet kunċert bl-isem “Lucienne Cassar in Concert”. Dan il-kunċert li sar bil-parteċipazjoni tal-mezzo-sopran Lucienne Cassar kien taħt il-patronċinju distint tal-President ta’ Malta l-E.T. Dr. Edward Fenech Adami.

Fil-festa tas-sena 2008 is-soċjeta’ inawgurat frontuspizju ġdid fuq il-bejt tal-każin li kien ġie rregalat mil-Onor. Dr. Marlene Pullicino. Fl-2009 il-parroċċa fakkret għeluq il-ħamsin sena mil-miġja tal-vara titulari f’Birżebbuġa. Għal din l-okkażjoni nhar il-Erbgħa 29 ta’ Lulju, l-Banda San Pietru tellgħet programm mużikali fis-sala ta’ l-iskola. Lejliet il-festa titulari l-Banda San Pietru ġiet irregalata b’Kantata bl-isem “Gloria lill-Prinċep ta’ l-Appostli” fuq mużika u lirika ta’ l-aħwa Abraham u Conrad D’Amato rispettivament. Fil-festa ta’ din is-sena ġiet inawgurata bandiera maġġura ġdida li kienet iregalata mil-Onor. Perit Karmenu Vella.
Konklużjoni
Is-snin għaddew u nbidlu ż-żminijiet. Diversi personalitajiet taw sehmhom fit-tmexxija u ħallew il-marki tagħhom u isimhom minqux fl-istorja tagħha. Oħrajn għadhom qed jagħtu sehemhom bil-għan li jkattru dak li ħadmu għalih missirijietna, u jrawmu mexxejja ġodda għall-futur. Is-Soċjetà hi ħajja, tifkira sabiħa ta’ missirijietna li issa tinsab f’idejna, bl-obbligu tagħna li mmexxuha l-quddiem sabiex uliedna ukoll ikollhom l-opportunità li jgawdu l-isbuħija mmortali li taf tofri l-arti mużikali Maltija.
Diretturi tal-Banda
Pofs. Dr. Carmelo Zammit Ph.D,D.Mus.,F.L.C.M.,F.V.C.M.,F.R.S.A.,F.G.M.S. 1957 – 1965
Mro. Emmanuel Galea 1965 – 1968
Mro. Carmelo Galea L. Mus L.C.M. 1971 – 1981
Mro. Frank Galea T.C., D.E.A.M., F.L.C.M. 1981 – 1995
Chev. Vincent Bonnici K.T.L. 1995 –
Presidenti tas-Socjetà
Is-Sur Eddie Paris 1957 – 1964
Is-Sur Emmanuele Galea 1964 – 1967*
Il-Kaptan Joseph Caruana 1967 – 1968
Is-Sur Carmelo Polidano 1971 - 1973
Is-Sur Emmanuele Galea 1973 – 1986
Is-Sur Salvu Fenech 1986 – 1997
Is-Sur Alexander Caruana 1997 – 2002
Is-Sur Tarcisio Caruana 2002 – 2004
Is-Sur Joseph M. Zahra 2004 –
* Fl-1964 is-Sur Espedito Francalanza kien elett president pero’ rriżenja ftit wara minħabba l-kariga uffiċjali li kellu fl-Azzjoni Kattolika.
|