Meta fit-tmexxija ta’ Soċjetà jkollok daqshekk żgħażagħ allura għandek garanzija għall-futur!
Għaddiet sena oħra. Minkejja d-diffikutajiet kollha li qegħdin inħabbtu wiċċna magħhom bqajna għaddejjin.
Is-sena li għaddiet Malta laqgħet bi ħġarha lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedettu XVI – is-suċċessur ta’ San Pietru – li ġie jżurna bħala r-Ragħaj Spiritwali tal-Knisja Kattolika u biex jifraħ magħna fit-tifkira ta’ meta l-Appostlu Misierna San Pawl żar pajjiżna 1950 sena ilu. Fil-parroċċa tagħna lqajna lill-ET Monsinjur Arċisqof Pawlu Cremona li ġie fostna għal żjara pastorali. Żewġ okkażżjonijiet mimlija sinifikat u li nemmen li t-tnejn li huma ħallew il-frott fost il-poplu ta’ Birżebbuġa.
Matul is-sena li għaddiet, l-Għaqda tagħna, permezz tad-diversi kummissjonijiet u sotto-kumitati kompliet bil-ħidma tagħha biex tkompli ssaħħaħ dak li kisbet matul is-snin l-iktar f’dak li għandu x’jaqsam mat-tixrid tal-kultura mużikali. Il-banda tal-Għaqda żammet l-appuntamenti kollha tagħha permezz ta’ attivitajiet mużikali li orgnizzat sew fil-lokalità kif ukoll barra l-lokalità. Organizzajna s-soltu programmi tal-festa tad-Duluri u tal-Milied u s-‘saggio’ ta’ Novembru u dak ta’ Frar kif ukoll il-programm mużukali ta’ fuq il-planċier u d-diversi marċi fil-ġimgħa tal-festa. Għamilna wkoll diversi programmi mużikali barra l-lokalità fejn kull fejn morna ntlaqajna tajjeb ħafna. Irrid nieħu din l-okkażżjoni biex nifraħ u nirringrazzja lil Vincent Bonnici li din is-sena jagħlaq 15-il sena bħala Surmast Direttur tal-Banda tagħna.
Nieħu pjaċir nara li s-Soċjetà tagħna għandha llum bażi żagħżugħa. Mill-15-il membru tal-Kumitat Eżekuttiv, 10 huma żgħażagħ. Meta fit-tmexxija ta’ Soċjetà jkollok daqshekk żgħażagħ allura għandek garanzija għall-futur!
Fil-bidu għedt li għandna diffikultajiet. Dawn huma l-iktar diffikultajiet finanzjarji li dwarhom jien ċert li jkellimkom il-kaxxier ħabrieki tal-Għaqda li nieħu pjaċir ngħid li anki matul is-sena li għaddiet għamel biċċa xogħol eċċellenti.
Biss ma nistax ma nurix it-tħassib tiegħi dwar l-ispejjeż li qegħdin dejjem jikbru: spejjeż ta’ elettriku, assigurazzjonijiet u manutenzjoni. Fl-istess waqt id-dħul mhux jiżdied bl-istess mod li qed jikbru dawn l-ispejjeż.
Dan jwassalni biex nappellalkom għall-ġenerożità tal-membri u s-sostenituri kollha tagħna. Mingħajr flus la nagħmlu festa u wisq inqas inkomplu bil-ħidma tagħna b’risq il-każin u Birżebbuġa.
Nieħu l-okkażżjoni biex nirringrazzja lil kull min matul is-sen li għaddiet ħadem fis-Soċjetà tagħna. Lill-uffiċjali u l-membri tal-Kumitat Eżekuttiv, tal-kummissjonijiet u sotto-kumitati; lis-Surmast, l-Assistent Surmast u lill-bandisti kollha. Nawgura lin-nies kollha ta’ Birżebbuġa l-festa t-tajba.
Viva San Pietru, il-Qaddis Patrun tagħna.
Joe M. Zahra
President
|