|
Meta l-Papa Benedittu XVI jżur Malta f’April li ġej, l-enfażi se tkun fuq iż-żgħażagħ u t-tfal. Għaldaqstant meta l-Papa l-Ħadd, 18 ta’ April, jittieħed fil-Valletta Waterfront, l-ispazju għandu jitħalla għaż-żgħażagħ għax din se tkun attività speċifikament għaż-żgħażagħ.
Il-band popolari Winter Moods se tipparteċipa fiċ-ċelebrazzjoni li se jkollu l-Papa maż-żgħażagħ fil-Valletta Waterfront, - ċelebrazzjoni li fiha se jieħdu sehem 18-il band, kantanti, żeffiena u 'l fuq minn 500 żagħżugħ u żagħżugħa li se jkunu involuti fl-organizzazjoni tal-kunċert, li għalih mistennija tattendi folla ta' 14,000 persuna.
Kif fissru Fr Charles Cordina u Fr Savio Vella f'konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Waterfront stess, dakinhar il-Papa se jkollu siegħa sħiħa ddedikata għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin - laqgħa li għaliha tħejja kollox sal-anqas dettal, inkluż palk li ġie ddisinjat apposta miż-żgħażagħ infushom.
L-organizzazzjoni ta' dan il-kunċert qed issir bil-kollaborazzjoni tal-VISET, li jmexxi l-Valletta Waterfront.
Din il-laqgħa se sservi biex turi l-importanza taż-żgħażagħ fil-Knisja, laqgħa li ser tkun f’idejn l-istess zgħazagħ mill-bidu sal-aħħar. Il Kuncert jibda fis-2.30 pm.

|