|
Jiem ta' ferh u celebrazzjonijiet -
Martin Camilleri |
|
|
Kważi għaddew għaxar xhur minn meta
f’Ottubru 2007 il-Laqgħa Ġenerali ta’
l-Għaqda ħatritni bħala Segretarju wara
li Mario Dalli ma setax ikompli f’din
il-kariga. Hawnhekk nixtieq
nirringrazzja lil Mario tax-xogħol
fejjiedi li għamel tul dawn l-aħħar
tmien snin li dam jokkupa din il-kariga.
Żgur li qeda dmiru b’lealtà u
konvinzjoni lejn l-Għaqda u persważ li
se jibqa’ jagħti kontribut minn barra
kif fil-fatt diġa ghamel tul dawn l-aħħar
xhur. Nirringrazzja wkoll lil Ivan
Zammit li fil-kariga ta’ Assistant
Segretarju tal-Għaqda hu spalla għalija
u jagħti kontribut mill-aqwa biex is-Soċjetà
timxi ’il quddiem. Grazzi ta’ kollox
Ivan!
Il-preparamenti għall-festa jitolbu
impenn tul s-sena kollha, u dan baqa’
jiġi muri matul l-aħħar xhur bid-diversi
attivitajiet li ġew organizzati
speċjalment mill-Kummissjoni Żgħażagħ
anki jekk konna għadna kif ħriġna minn
festi speċjali li ġew organizzati s-sena
ta’ qabel fl-okkazzjoni tal-50 sena
mit-twaqqif ta’ l-Għaqda. S’intendi l-festa
titlob diversi spejjeż u għalhekk
nagħmel appell lill-ammiraturi kollha ta’
din l-Għaqda sabiex bl-aħjar mod
possibbli jagħtu dik dil-kontribuzzjoni
żgħira jew kbira sabiex jittaffew ftit
mill-ispejjeż li jsiru sabiex tiġi
organizzata l-festa.
Il-jiem tal-festa għandhom ikunu żmien
ta’ ferħ u ċelebrazzjoni immaterjali
jekk intix ma’ ta’ l-ajkla jew ma ta’ l-iljun.
Matul dawn il-jiem isiru ħafna appelli
sabiex ma nħallux il-pika ttellifna
mill-ħbiberija li għandu jkollna lejn
xulxin. Jien konvint li din l-ħbiberija
teżisti bejn iż-żewġ kumitati
tas-soċjetajiet li ħdima flimkien u fejn
kellna bżonn niġbdu ħabel wieħed, ma
ħarisna lejn xejn u ġbidna ħabel wieħed.
Issa wasal ż-żmien ta’ aktar prova fejn
din l-hbiberija inkattruha u insaħħuha.
Ghalhekk nappella lil kulħadd biex
filwaqt li nieħdu pjaċir b’attivitajiet
popolari li jsiru, flimkien inwarrbu l-insulti
u t-tgħajjir bla sens li jagħmlu biss
diżunur lil min jgħidhom.
Minn qalbi nawgura li ngħixu din l-festa
flimkien u li nagħmlu dak kollu
possibbli sabiex tkun esperjenza sabiħa
u li tgħinna nimxu fuq il-passi
tal-Patrun San Pietru.
Martin Camilleri
Segretarju |